gov.mt

PR261528

PR261528

22/09/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Għall-ewwel darba Malta se tospital-Kampjonat Dinji FEGAT tat-trott

Ġerrejja minn 12-il pajjiż se jikkompetu fil-Malta Equidrome

Għall-ewwel darba, Malta se tospita l-Kampjonat Dinji FEGAT tat-trott, hekk kif nhar il-Ħadd 27 ta’ Settembru ġerrejja minn 12-il pajjiż se jikkompetu fil-Malta Equidrome f’waħda mill-aktar kompetizzjonijiet internazzjonali importanti għal dan l-isport. Il-kampjonat se jpoġġi lit-trott Malti fuq ix-xena internazzjonali, erba’ snin wara li Malta rebħet din il-kompetizzjoni permezz ta’ Clifferty Calleja fl-Italja.    

Id-dettalji tħabbru waqt konferenza stampa mill-Malta Racing Club u EquestriMalta, fil-preżenza tal-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri. L-ospitar tal-kampjonat huwa r-riżultat ta’ snin ta’ ħidma mill-Malta Racing Club biex din il-kompetizzjoni internazzjonali tinġieb f’pajjiżna, flimkien mal-appoġġ ta’ EquestriMalta u l-ħidma tal-Malta Equidrome.  

Aktar minn 100 żiemel ġew irreġistrati minn sidien Maltin għall-kampjonat, b’96 minnhom mistennija jieħdu sehem fit-tiġrijiet. Il-ġerrejja internazzjonali se jiġu mill-Istati Uniti, l-Arġentina, l-Awstralja, l-Awstrija, il-Belġju, il-Ġermanja, l-Italja, n-New Zealand, in-Norveġja, l-Olanda u l-Iżvezja, filwaqt li Redent Magro se jirrappreżenta lil Malta.

Il-Ministru Camilleri qal li l-fatt li Malta se tospita kampjonat ta’ dan il-livell għall-ewwel darba jirrifletti l-progress li sar fis-settur u l-ambizzjoni li t-trott Malti jkompli jgħolli l-istandards tiegħu, filwaqt li jingħata aktar spazju fuq ix-xena internazzjonali.  

“Dan huwa mument importanti għat-trott Malti. Malta mhux biss se tkun qed tikkompeti, iżda għall-ewwel darba se tkun qed tospita kampjonat mondjali f’darha. Warajh hemm snin ta’ ħidma, investiment u fuq kollox ħafna nies li jagħtu ħinhom u jagħmlu sagrifiċċji għal dan l-isport. Bħala Gvern irridu nibnu fuq din l-ambizzjoni, billi nkomplu ntejbu l-faċilitajiet u l-kundizzjonijiet, insaħħu l-istrutturi u noħolqu aktar opportunitajiet biex it-trott Malti jkompli jimxi ’l quddiem. Il-kampjonat tal-Ħadd huwa pass importanti, iżda l-ħidma trid tkompli anke wara li tintemm il-kompetizzjoni,” qal il-Ministru Camilleri. 

Il-Ministru sostna wkoll li l-ospitar ta’ kompetizzjonijiet internazzjonali joħloq opportunitajiet li jmorru lil hinn mill-korsa. Minbarra li jagħtu aktar viżibbiltà lill-isportivi u lis-settur lokali, avvenimenti bħal dawn jikkontribwixxu għat-turiżmu sportiv billi jattiraw lejn Malta parteċipanti, delegazzjonijiet u viżitaturi minn pajjiżi differenti.  

Iċ-Chairman tal-Malta Racing Club, Anthony Mifsud, qal li huwa ta’ unur li Malta se tospita dan il-kampjonat għall-ewwel darba, wara snin ta’ ħidma sabiex pajjiżna jintgħażel bħala l-ospitant tal-edizzjoni tal-2026. Huwa rringrazzja lis-sidien Maltin li rreġistraw iż-żwiemel tagħhom għall-kompetizzjoni, kif ukoll lil EquestriMalta għall-appoġġ li qed tagħti biex il-kampjonat ikun jista’ jsir f’Malta.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ EquestriMalta, Max Zammit qal li l-ospitar ta’ dan il-kampjonat huwa opportunità oħra biex ikompli jissaħħaħ it-trott f’Malta. Huwa spjega li EquestriMalta se tkompli tagħti l-appoġġ finanzjarju u amministrattiv tagħha lis-settur, filwaqt li jinħolqu aktar opportunitajiet u jkomplu jitjiebu l-premjijiet għall-parteċipanti kif sar f’kull kampjonat li sponsorjat EquestriMalta

Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Equidrome, Dr Matthew Brincat irringrazzja lis-sidien taż-żwiemel li permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom għamlu possibbli li kampjonat internazzjonali ta’ dan il-livell jittella’ f’Malta. Huwa stieden lid-dilettanti tat-tiġrijiet taż-żwiemel biex jingħaqdu fil-Malta Equidrome fil-Marsa, hekk kif terġa’ tibda l-attività wara l-waqfa tas-sajf, u jagħtu l-appoġġ tagħhom lir-rappreżentanza Maltija, bit-tama li Malta tkompli tikseb aktar unuri f’dan l-isport.

Min-naħa tiegħu, il-ġerrej Redent Magro, li se jirrappreżenta lil Malta f’dan il-kampjonat, irringrazzja lill-Malta Racing Club u lill-entitajiet involuti għall-opportunità li jirrappreżenta lil pajjiżna. Huwa rringrazzja wkoll lis-sidien li rreġistraw iż-żwiemel tagħhom għall-kampjonat u għall-fiduċja li qed juru fih u fil-ġerrejja parteċipanti. Magro awgura li jkun kampjonat tajjeb u kompetittiv, bit-tama li Malta tkun tista’ tikseb unur ieħor f’din il-kompetizzjoni.

Il-programm tal-Ħadd huwa mistenni li jkun magħmul minn tmien tiġrijiet, li bejniethom se jiddeterminaw ir-rebbieħ il-ġdid tal-Kampjonat Dinji FEGAT għas-sewwieqa amateur. EquestriMalta hija l-isponsor ewlieni tal-kampjonat u qed tappoġġja l-organizzazzjoni tiegħu permezz tal-finanzjament tal-loġistika, il-premjijiet, l-akkomodazzjoni tad-delegazzjonijiet internazzjonali u l-attivitajiet marbuta mal-avveniment.